Regħbus

Produzzjoni u arranġamenti mużikali mill-grupp MISTURA, li huma: Malcolm Bonnici, Antonio Olivari, Mark Andrew Azzopardi u Matthew Agius.

Kitba tal-kliem u l-mużika tal-kanzunetti kif ġej:
– Matthew Agius, Mark Andrew Azzopardi, Malcolm Bonnici, Antonio Olivari: “Pop”.
– Matthew Agius, Antonio Olivari: “Tuna Isimkom”.
– Malcolm Bonnici: “Pjan Perfett”, “Kieku” u “Ma Jistħoqqlix”.
– Antonio Olivari: “Ifraħ għax Iblah”, “Problemi Biss”, “Mhux Xorta”, “Thank You Jesus”, “Żommuni”, “L-Intitolat” u “Little Malta”.

Il-pjanu f’“L-Intitolat” u l-orgni f’“Ifraħ għax Iblah” huma ta’ Joseph Axiak.

Album maħdum u rrekordjat b’mod nomadiku f’diversi postijiet, fosthom Jubox Recording House, Garage 102 u home-studios in-Naxxar, il-Pietà, il-Mellieħa u fejn kien hemm bżonn.

Mixing immexxi minn Malcolm Bonnici.
Disinn viżiv tal-album ta’ Jean Claude Vancell.
Dan l-album huwa ddedikat lill-memorja ta’ Matthew Azzopardi.

© 2018 Drittijiet kollha miżmumin.

Grazzi talli qiegħed iżżur din il-paġna. Hawn huma l-kliem tal-kanzunetti kollha tal-album REGĦBUS wara xulxin kif qegħdin fl-album:

1) Pop
2) Ifraħ għax Iblah
3) Tuna Isimkom
4) Problemi Biss
5) Mhux Xorta
6) Pjan Perfett
7) Thank You Jesus
8) Kieku
9) Żommuni
10) Ma Jistħoqqlix
11) L-Intitolat
12) Little Malta

1) Pop

Din hija diska pop
Sa ssib il-qiegħ biex tilħaq it-top
Din hija diska pop
Ritmu sabiħ u lyrics taż-żobb
Po po po-ro-po-po po po-po-po (x4)

Din hija diska pop
Taf tagħmel hit u taf tagħmel flop
Din hija diska pop
Taf issib il-qiegħ jew tilħaq it-top
Po po po-ro-po-po po po-po-po (x4)

Tħoss tivvibra il-kustilja
Minn Pilatu sa Kastilja
Fenomenali tiċċaqlaq magħha
L-eżerċizzju tajjeb għas-saħħa
U jekk għadek fuq l-ixkaffa
Iżfen mal-groove u agħmel ix-xoffa
Enerġija pożittiva
Diska moderna, ngħidu iva

Po po po-ro-po-po po po-po-po (x8)

2) Ifraħ għax Iblah

Ħarsu ‘l haw, ħarsu ‘l haw’ nistedinkom tissuktaw
Tersqu ‘l haw, ersqu ‘l haw’ faqqgħu żifna ta’ babaw
Il-lejl tar imma l-kbir għadu ġej
Ikxfu ‘l hemm, ikxfu ‘l haw’ ħawdu d-dinja tippuppaw
B’xoffa ‘l fuq tissugraw li fuq Facebook tispiċċaw
Il-ħin sar, neħħi l-gost, ma jibqa’ xej’
Għal mal-bar, newwel birra Joe lil dat-tnej’
Wara għad-dar, jekk jirnexxieli insib fej’

Nimmullaw, nimmullaw u kif ngħajjew niċċilljaw
Neħħu l-għażż, nieħdu bażż, ċaqlaq man tibqax ċass
Issa ċ-ċans li tifraħ ftit ma’ dal-beat
Niċċajtaw, nifflertjaw l-aqwa li niċċelebraw
Nissuktaw nikkunsmaw nagħmlu tagħna li naraw
L-aqwa li nbillu ġriżmejna f’dan il-ġid
Għal mal-bar, newwel birra Joe lil dat-tnej’
Wara għad-dar, jekk jirnexxieli insib fej’

3) Tuna Isimkom

Bonġu sinjuruni, għiduli x’jisimkom
Għax qatt ma rajt dak wiċċkom, qatt ma tidhru mkien
Kif dejjem tgħaddi tagħkom u jiena ikolli noqgħod
Tfajtu l-konkos, ħbejtu jdejkom, kissirtu kullimkien

Bonġu sinjuruni, x’sa ttuna biex nehdew
Bilħaqq kollox miftiehem, ma nistgħu nagħmlu xejn
Sirtu ddaħħluna fil-but tagħkom, għax tafu li bla saħħa
Min għandu l-bżar iħoss il-bżonn li jtella krejn

Bonġu sinjuruni, fakkruni x’jisimkom
Intom li qatt ma kontu tafu x’jiġifieri l-ġuħ
Inħbejtu wara konsorzji imma isimkom personali
Għandu jiġi mnaqqax ħalli niftakruh
Fuq monument li nsemmuh “Intom li l-Pajjiż Ħxejtuh”

4) Problemi Biss

Għandi l-ġuħ imma m’għandix aptit niċċaqlaq
U jekk niekol addoċċ nispiċċa bl-istess riżultat
Qasir wisq il-wajer biex niċċarġja l-mobajl
Indeċiż fuq liema filter se nuża mar-ritratt
Sena sħiħa ta’ stennija biex nara kif sa tkompli l-istorja ta’ Walter White

Problemi biss, madó problemi biss kif iddejjaqt
Problemi spiss li nsibhom kullimkien, kull ħin u waqt

Il-wi-fi ma jwassalx sat-tarf tal-appartament
Sa jkolli mmur fil-loki l-ieħor, wiżżikk okkupat
Xagħalt it-televixin u m’hemm xejn x’wieħed jara
Ma tistax tqabbeż ir-riklami, kemm jien sfortunat
Nidħol f’The Salott u fl-aħħar ma nħossnix alone nikkumbatti l-ħajja meta tiġi biċ-ċajt

Problemi biss, madó problemi biss kif iddejjaqt
Problemi spiss li nsibhom kullimkien, kull ħin u waqt

Il-magg tal-kafè żgħir wisq għal dil-gallettina
U jekk naqsamha nibża’ li nfarrak ma’ kullimkien
Il-mobajl għamel ħoss, spiċċatlu l-batterija
Tibda tgħejja b’kollox rasu ‘l isfel bla waqfien
Nagħmel sforz u nqum u nħoss il-qiegħ tal-pala tniggeż fejn kont weġġajt
Nerġa nidħol f’The Salott insaqsi ‘kk hux jien biss qed inħossni għal ġol-ħajt

Problemi biss, madó problemi biss tgħidx kemm infaqt
Problemi spiss, fil-posta sibt kont ieħor, kif ftaħtu xraqt
Problemi biss, madó problemi biss, issa xbajt
Problemi spiss li nsibhom kullimkien, kull ħin u waqt

5) Mhux Xorta

Annimal f’zoo illegali jikkawża inċident papali
U iva mhux xorta, mhux xorta
Billboards u riklami jħammġu toroq prinċipali
U iva mhux xorta, mhux xorta

Skandlu wieħed wara l-ieħor, il-mostru kull ma jara qed jiekol
U iva mhux xorta, mhux xorta
Kuntratt ieħor kemm tiffirma, duħħan biss ma nafux fejn nitfgħu l-ilma
U iva mhux xorta, mhux xorta

Sitta w sitta tnax u sitta oħra magħhom tmintax
Kulħadd jieħu li jista’ x’jimporta
Sitta u sitta tnax, ħafna skużi, għax għax
Tgħid nidħlu mill-bieb jew mis-sopraporta
U iva mhux xorta

Tista’ ttella tmien sulari, taqla’ s-siġar, tneħħi x-xagħri
U iva mhux xorta, mhux xorta
Tkisser, tfarrak kull ma tara u jekk tilmaħ għasfur tispara
U iva mhux xorta, mhux xorta

Sitta w sitta tnax…

Eluf mietu ġejjin għandna u dawk li għexu spiċċaw belgħu kanna
U iva mhux xorta, mhux xorta
Għax m’hawnx post fejn toqgħod żrara waqt li l-passaport jista’ jinxtara
U iva mhux xorta, mhux xorta

Sitta w sitta tnax…

6) Pjan Perfett

Kienet għodwa kwieta, kienet għada tiela x-xemx
Faqqgħet sajjetta fil-bnazzi u għax-xiħa dan kien kbir hemm
Il-pjan kien qed jinħema, kollox imfassal bil-kejl
Biex dak li serqet ix-xiħa jitteħdilha u tibqa’ b’xejn

Ix-xiħa baqgħet kwieta, għall-ewwel ma tnifsitx
‘Mma kienet ferm maħruqa bil-pjan li qed jisfieq
Pruvat tidher kalma, pruvat toqtol l-inkwiet mill-ġuf

Ix-xiħa sabet il-kalma għax il-pjan kellu difett
Beżqitilhom fis-sunnara għax il-folla kienet ġbara
Il-folla kienet kbira
Il-folla kienet għatxana
Il-folla kienet għamja

Għalxejn baqgħu ireddnu, għalxejn jipperswadu
Ix-xiħa fl-aħħar ħadmithom bi strateġija ta’ viljakk
Kellhom l-evidenza, ġabru l-provi kollha
Ħassew ir-rebħa f’idejhom sa anka fetħu x-xampanja

Kixfu kull ma sabu, ma ħallew xejn mistur
Urew lil din ix-xiħa fil-fatt kienet imbruljun
Il-pjan issa twettaq, inkixfu l-karti kollha
Imma baqgħu ftit imbellħa meta kollox kif kien baqa’

Jekk problema torqod fuqha għandha tiġi lura għalik
Għalxejn tipprova tinsiha, titfagħha taħt it-tapit
Imma l-folla kienet għamja, il-folla kienet dik li rvinat

Ix-xiħa tbissmet waħedha għax sabet kif din tirbaħha
Rat kollox quddiem għajnejha, rat il-pjan kollu jaqa’
L-għadu biss jirbaħlek meta tirrikonoxxieh
Jekk tinjorah toqtlu, jekk tinjorah, titnejjek bih

U hekk il-pjan sfaxxa
Il-pjan il-kbir
Il-pjan li kellu joqtolha
Il-pjan perfett

7) Thank You Jesus

Grazzi talli żżommu l-prezzijiet baxxi
Talli l-prodotti tagħmlu puliti f’kaxxi
Talli keċċejtu n-nies u sibtu l-qies
bejn profitt u mod legali kif tevadu t-taxxi

Grazzi talli tieħdu ħsieb il-konsumatur
Talli kull ħaġa li jgħid ittuha valur
Talli tirreklamaw u tippremjaw
lil min jonfoq biżżejjed biex ir-rota ddur

Grazzi talli llejla ser norqdu kuntenti
B’din it-teknoloġija ferm kurrenti
Dan l-aħħar mudell tal-aqwa livell
magħmul minn ilsiera moderni n-naħa l-oħra tad-dinja bl-aktar mod effiċjenti
Thank you Jesus

8) Kieku

Kieku kont sinjur kont nibni villa kbira
Kieku kont gustuż kont ngħabbi ‘l min irrid
Kieku kelli l-muża kont nikteb diska aħjar
Kieku kelli l-ħin kont nieħu nagħsa itwal

Kieku kont fil-gvern kont ninxtara bix-xejn
Kieku kelli dnub kont nixtri l-indulġenzi
Kieku kont il-knisja kont nagħmilhom bis-sale
Kieku kelli l-labar kont inbella’ ir-ross

Kieku kont fil-poter żgur li kont insir sinjur
Kieku kelli l-flus…

Kieku kelli s-suf kont inqaxxru minnufih
Kieku kelli x-xagħar kont inħallieh jitwal
Kieku kelli l-ħalib kont nagħmel il-ġbejniet
Kieku stajt nagħmik indoqq trumbetta bik

Kieku jien il-Prim kont nasal dejjem tard
Kieku kelli l-labar kont inbella’ ir-ross
Kieku naf il-futur żgur li neqred ħajti
Kieku għandi li rrid…

9) Żommuni

Żommuni għax sa nifqa’ kull m’hawn
Kemm sa ndum inżomm ġo fija, m‘għadux żmien il-korteżija
Ersqu għax sa nkisser kull m’hawn
Ħudu skandlu w għidu bija u komplu b’serħ t’anesteżija

Int
X’qed tħares lejja ndoqq qisek żobb ġo bott skadut
Iva int
Qed tidħaq għax għidt ‘żobb’, min jaf kieku ngħid ‘qallut’?
Għax għid il-verità: hux tixtieq tifflowtja bħalu?

Żommuni għax sa nifqa’ kull m’hawn…

Int
Li miexi qalb in-nies, kjuwja, ixrob, kul u bul
Iva int
Li taparsi dħakt lill-ħbieb, qalulek “ara l-lazz maħlul!”
Għax għid il-verità: hux tixtieq titbaħnan bħalhom?

Żommuni (x3)

Żommuni għax sa nifqa’ kull m’hawn…

10) Ma Jistħoqqlix

Jien bniedem sempliċi nħobb l-affarijiet iż-żgħar
Xemx, xita u, riħa ta’ baħar u xi tnejn birra mal-bar
Pajjiżna xejn speċjali imma ma jonqosni xejn
Bi gvern eżemplari li jaħdem biex jaqta’ d-dejn
Ma jistħoqqlix, ma jistħoqqlix

Il-ġustizzja hija għamja meta għal xi ħadd iddur
Pulizija taqdi dmira, tiġġieled biss ‘l min m’għandux bla pudur
Ma taqbiżx għall-korrotti, ma tagħttix lil ħaxxej
Ma tibżax mill-politiku, ma tibża’ minn ħadd u minn xej’
Ma jistħoqqlix, ma jistħoqqlix

Ma jistħoqqlix kumpaniji sigrieti jew li nistgħana bit-tbabis
B’paga enormi għal marti biex tpappiha fil-Far East
Ma jistħoqlix ġurnalizmu li jikxef il-qoħob tal-mexxej
Ma jistħoqqlix liġi ġusta li tipproteġi lill-ħaxxej
Ma jistħoqqlix, ma jistħoqqlix

Mhix biċċa tiegħi Ministru daħalx f’burdell
Mhix biċċa tiegħi kemm jixrob mill-mini bar
Mhix biċċa tiegħi għandux tpinġija ta’ Che
X’iżżobb jimpurtani t-tequila ħadhiex bil-melħ

Ma jistħoqqlix insemma leħni mingħajr intimidazzjoni
Ma jistħoqqlix ngħid li naħseb bla ma tittieħed xi azzjoni
Ma jistħoqqlix indoqq il-Beerfest jekk offendejt mart il-Prim
Ma jistħoqqlix ikolli ħajja jekk m’għandix ħsiebi fin
Ma jistħoqqlix, ma jistħoqqlix

Ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi
iżd’ għid biss kelma waħda u ruħi tkun imfejqa

11) L-Intitolat

Isma’ agħtu naqra kasi daqsxejn
Għandi bżonn minuta jew tnejn
Ta’ dan jiena nibqa’ niżżi ħajr
Neżiġi, ħaqqni l-aħjar u malajr
Nippretendi kollox issa u b’xejn
Iva nippretendi kollox issa u b’xejn

Is’ejja tini waħda daqqa t’id
Għax jiena ħaqqni nieħu dak li rrid
Wara l-ħesil kollu li għaddejt
Ikkumpatuni għax jiena batejt
Nippretendi kollox issa u b’xejn
Iva nippretendi kollox issa u b’xejn

U jekk ma ttinix li rrid nagħmel l-isbaħ xenata
U mmur nikteb fuq RUBS illum qabel għada
Jien ħaqqni l-aħjar u ma jistax jgħarrali
Għax jiena uniku, in-number one, speċjali

Nistenna li taqduni minnufih
Kif nasal tbaxxu raskom, tagħtu ġieħ
Jekk hemm bżonn anki naqbeż il-kju
X’ċuċ huma dawn li għandhom il-karta l-blu
Nippretendi kollox issa u b’xejn
Iva nippretendi kollox issa u b’xejn

12) Little Malta

Staqsewni biex ngħid b’saħħa kemm aħna kburin
bil-gżira li b’isimha għamlet lilna Maltin
Dal-poplu qalbieni, o kemm hu ġenwin
li rebaħ lill-barrani mal-medda tas-snin
Għalhekk b’wiċċna minn quddiem ngħidu flimkien

Maltin daqs pizza tal-Maxims
Maltin daqs il-George Cross
Maltin daqs in-Notte Bianca
Daqs l-isbaħ paradoss
Daqs il-Berġa ta’ Kastilja
Daqs l-Għonnelli li m’għadu jilbes ħadd
Daqs is-salib tal-Kavallieri
Daqs it-tim tal-futbol li ma jirbaħ qatt

Maltin daqs Pjazza Reġina
Maltin daqs il-ħelwa tat-tork
Maltin daqs Pawlu ta’ Tarsu
Daqs bomba li twaqqaf biċċa blog
Daqs capuccino ta’ Cordina
Daqs x’fadal mit-Teatru Rjal
Daqs l-offerti tal-Ħamis tal-LIDL
Daqs il-Caravaggio fil-Kon-Katidral

Meta tara mappa tal-gżejjer Maltin
mal-ewwel tinduna li there’s something fishy
Bir-ras li qed tinten u l-garġi magħluqin
minflok vażellina bis-slime imdellkin
Qabel noffendi b’dan il-kliem, saħħa u sliem

Advertisements