L-ewwel album tad-duo Mistura – “U d-Dinja Tkompli Ddur”

Il-duo mużikali lokali Mistura ser ikun qiegħed iniedi l-ewwel album tiegħu, bl-isem “U d-Dinja Tkompli Ddur”, fl-10 t’Ottubru fis-7pm fuq Radio 101 waqt il-programm Rockna ppreżentat minn Michael Bugeja. L-album, li huwa twil 64 minuta u li fih 16-il diska kollha bil-Malti, huwa rock concept album maqsum f’erba’ partijiet t’erba’ kanzunetti f’kull parti. Ippakkjat b’kummentarju soċjali jaqta’ speċjalment fejn jidħol l-element lokali, dan l-album jirrifletti dwar il-kunċett tar-repetizzjoni u ċ-ċikli tal-ħajja.

“Dan l-album huwa sentejn ta’ kitba, irrekordjar u skambji ta’ ideat, riffs, versi u żmien li fih bagħatna biċċiet ta’ mużika lil xulxin u lura sakemm saru kanzunetti kompluti” qal Antonio Olivari, li flimkien ma’ Malcolm Bonnici jifforma d-duo Mistura.

“Meta bdejna bl-ewwel diska – ‘Isma’ Bilfors’ – ma kellna l-ebda idea li ser naslu biex noħolqu biżżejjed materjal għal album. Madankollu, id-dinamika li bnejna fix-xhur ta’ wara, bil-mod ta’ kif it-tnejn li aħna bdejna noħorġu bl-ideat għall-kanzunetti u l-mod kif fl-aħħar mill-aħħar għaqqadna l-aħjar minnhom fi storja waħda, għamel l-album realtà.”

Il-qoxra ta' "U d-Dinja Tkompli Ddur".

Il-qoxra ta’ “U d-Dinja Tkompli Ddur”.

Mistura huwa duo b’kanzunetti bil-Malti b’mużika li għandha elementi ta’ blues u rock, kemm b’ħoss elettriku u anki akustiku. Mistura ddebutta fl-2012 fil-festival tal-Għanja tal-Poplu fejn ħadu l-premju WAFA għall-aqwa talent ġdid. Minn dak iż-żmien ’l hawn huma daqqew f’diversi postijiet, fosthom l-Għanafest, Notte Bianca u Poeżija Plus, u ħarġu numru ta’ kanzunetti li lkoll ser jinsabu f’dan l-album il-ġdid.

Apparti s-CD innifsu, “U d-Dinja Tkompli Ddur” ser ikun fih ktejjeb bil-lirika kollha tal-kanzunetti għax skont Malcolm “aħna nemmnu li l-kliem għandhom bżonn jiġu enfasizzati bħala parti importanti mill-pakkett. Apparti dan il-qoxra ġiet iddisinjata b’mod brillanti mill-ħabib tagħna l-artist Jean-Claude Vancell, li rnexxielu jifhem l-intensità tal-mużika u joħloq viżwali li jtejbu l-esperjenza sħiħa tal-album”.

Min jixtieq jordna l-album jista’ jibgħat email fl-indirizz info@misturamalta.com.

Advertisements