Wara Teatru Unplugged… Garaxx Plugged

Mistura waqt it-Teatru Unplugged 2015.

Mistura waqt it-Teatru Unplugged 2015.

Il-grupp leġġendarju-li-ħadd-ma-jaf-bih Mistura ħabbar fi stqarrija għall-istampa uffiċjali li wara s-suċċess fit-Teatru Unplugged 2015 ser ikun qiegħed jagħmel serje ta’ kunċerti oħra. Dawn ser ikollhom l-isem Garaxx Plugged. Ser ikunu qed jippruvaw skoss kanzunetti ġodda għall-ewwel darba, jitbellħu, jidgħu għall-ebda raġuni partikolari, jistunaw xi nota ‘l hemm u ‘l hawn, u jieqfu f’nofs id-diski biex jaraw tort ta’ min kien li hemm xi ħaġa li qed tinstema’ dubjuża. Ir-riffs ta’ “My Sharona” u “Ziggy Stardust”, flimkien ma’ balla feedback tal-kitarra mkaħħla mal-amplifier u delay li jdum tliet minuti, drumming li ma tisma’ xejn iktar bih u maratona ta’ għaxar noti fis-sekonda tal-bass meta suppost qed niftiehmu x’sa ndoqqu, ma jonqsux. L-isbaħ biċċa hi li m’hu ser ikun qiegħed jarahom ħadd ħlief li xi proxxmu li forsi jitfaċċa ma’ xi membru tal-grupp mingħajr ma jkun ġie mistieden (u li jilqgħuh bi ħġarhom ġaladarba jirnexxielu jitrassas ftit) jew xi ħadd li jagħmel xi nofs siegħa jsabbat mal-bieb biex inċaqalqulu l-karozza li tkun qed tagħlaq il-passaġġ tal-komun. Huwa mistenni li ser tkun suċċess. Żgur.

Apparti ċ-ċajt – dalwaqt ser inħabbru żewġ kunċerti għal din is-sena – wieħed għal Marzu u ieħor għal Ġunju li ġej. Komplu segwuna.

Advertisements