Recap

Meta bdejna bħala Mistura konna jien u Malcolm. Konna għamilna l-ewwel ftit snin naħdmu online – nibagħtu demos u tracks lil xulxin u nkomplu nibnu fuq fejn l-ieħor ikun wasal. Kif ikollna kanzunetta lesta konna ntellgħuha online immedjatament, u allura kellna ritmu ta’ kanzunetta kull ftit xhur. L-album “U d-Dinja Tkompli Ddur” (2014) ħdimnieh b’dal-mod.

Ftit ftit imbagħad inbdilna f’band, ma’ Matthew u Mark u xi drabi ma’ Cheryl, Martina, Janice, Nathalie, Francesco u Joseph. Bdejna ndoqqu ħafna live, partikolarment fl-2015, fejn bdejna anki naħdmu l-arranġamenti tal-kanzunetti ġodda ta’ dan il-perijodu fil-garaxx sakemm ħriġna “Regħbus” (2018). Il-ħoss ta’ dan l-album, fil-fatt, huwa ta’ kif konna ninstemgħu bħala band meta ndoqqu live flimkien. Min qatt daqq f’band jaf kemm esperjenza hekk taf tkun interessanti u ta’ pjaċir uniku. Il-memorji huma sbieħ u l-istejjer huma bosta, partikolarment fil-garaxx li konna napprattikaw fih Rampol Buildings Birkirkara.

Fl-2019, imbagħad, daqqejna live darba u waqafna għal diversi raġunijiet. Ħsibna li għalissa sa nibqgħu weqfin, sakemm l-2020 qalbet id-dinja ta’ kulħadd ta’ taħt fuq. Għall-ewwel xhur ma kellna ċans nagħmlu xejn minħabba impenji oħra, iżda dal-aħħar ġimgħat, kif qaleb Lulju, f’daqqa waħda qisha ġiet il-muża u erġajna skoprejna l-mod oriġinali ta’ kif konna naħdmu tmien u seba’ snin ilu u f’temp ta’ ftit ġimgħat għandna żewġ kanzunetti lesti u oħra nofs triq. U allura jien u Malcolm iddeċidejna li nerġgħu lura għal dan il-metodu. L-ewwel kanzunetta ser intellgħuha fil-ġimgħat li ġejjin u naraw fejn toħodna din l-avventura ġdida.

Aspettattivi kbar m’għandniex. Wara kollox qed nitkellmu fuq kanzunetti, aktar u aktar bil-Malti, u mhux fuq xi rocket li sejjer fuq Mars jew fuq xi kura għall-COVID. Imma bil-ftit tagħna nisperaw li jkun hemm min jieħu gost, u forsi anki jġiegħlu jaħseb xi ftit.

Jekk għadek qed taqra s’hawn isfel, grazzi. Minn dal-kanzunetti ma tieħu xejn ħlief li tiżvoga ftit li jkollok fuq moħħok, li tgħaddi siegħa żmien iddoqq u tirrekordja, u l-apprezzament ta’ nies bħalek li jsegwu li nkunu qegħdin nagħmlu.

Tislijiet,
Antonio

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s