Ħaġa li jistaqsuna dwarha kemm-il darba hi jekk għandniex recordings tal-grupp rock kif aħna bħalissa, jiġifieri ħafna aktar storbjużi u fuq tagħna mill-album U d-Dinja Tkompli Ddur. L-album, għalkemm fih elementi rock, huwa iktar akustiku u kwiet – tat-tip li kważi kważi tieħu pjaċir iktar tisimgħu bil-headphones. Minn meta qlibna għall-kitarri elettriċi u ngħaqqdu magħna Mark fuq id-drums u Matthew fuq bass, iżda, għandna ħoss totalment differenti. U forsi dan il-ħoss il-ġdid huwa dak li kien intenzjonat fil-bidu meta ffurmajna Mistura. S’issa, pero’, kien għad ma kellniex iċ-ċans li nirrekordjaw xi ħaġa sew b’dan il-line-up peress li ntfajna iktar fuq il-live sabiex nidhraw lil xulxin sew qabel ma nipproduċu xi ħaġa ġdida flimkien. U din il-ħaġa nistgħu bla tlaqlieq ngħidu li swiet ta’ ġid għal diversi raġunijiet bħal ma wieħed jista’ probabilment jassumi.
Biss fl-aħħar wasalna biex nagħmluha: il-kunċert Kotra 2016 ġie rrekordjat bħala strumenti separati grazzi għal Emerson Vella u wara li smajnihom u ħloqna mixes aċċettabbli ddeċidejna li noħorġu tliet videos tagħna ndoqqu live waqt dan il-kunċert. Wara li ddiskutejna mhux ħażin, dawn ser ikunu Tivvutax mill-ewwel album; Fil-Kju li hija ta’ Vince Fabri minn Aħn’aħna jew M’Aħniex li kemm-il darba daqqejna diski oħra minnu bi pjaċir kemm għalina u anki għall-pubbliku li jinzertahom; u ser ninkludu wkoll preview mit-tieni album li qed naħdmu fuqu bħalissa. Din ħdimna fuqha s-sena li għaddiet u daqqejniha live kemm-il darba, u nistgħu ngħidu li mal-ammont żgħir kemm hu żgħir ta’ nies li jsegwuna hija speċi ta’ favorita. Jisimha Ifraħ għax Iblah.
Insomma aktar informazzjoni – flimkien mal-videos – dalwaqt.