Mistura jgħidu tagħhom…

Din hija intervista magħna li qed tidher illum il-Ħadd 18 ta’ Jannar 2015 fuq il-Mument. Grazzi bħal dejjem lil Noel D’Anastas li mill-bidu nett wera nteress fil-mużika tagħna u baqa’ jsegwina. Ikklikkja biex taqraha:

Mument 18-01-2015

Advertisements

Mistura – serħan mill-ewżiħ

Kulħadd jaf kemm hija finanzjarjament diffiċli li tkampa meta fiċ-ċokon tal-gżira tagħna toħroġ album mużikali għall-bejgħ b’mużika kompletament oriġinali u bil-Malti. Għaldaqstant l-għajnuna tagħkom – in-nies li nisperaw li għoġbitkom il-mużika tagħna – hija essenzjali sabiex naqtgħu ftit mill-ispejjeż regolari li jkollna. Dan ifisser ukoll li bħala Mistura m’għandna l-ebda għażla oħra ħlief li ndejqu ċ-ċirimelli ta’ kulħadd nirreklamawh… meta ndoqqu lajv ovvjament ser inkunu qed inġorruh magħna imma sadanittant qiegħed għall-bejgħ onlajn.

U hawn hu s-sejl fenomenali għall-Milied jekk għadek ma xtrajtx l-album.

Offerta speċjali limitata għax-xhar ta’ Diċembru 2014 (hekk hu – sirna qisna tal-Crosscraft). Qed inbiegħu l-album “U d-Dinja Tkompli Ddur” għall-prezz speċjali ta’ €11 inkluż il-posta lokali (u għal €12 jintbagħat fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea). Kemm tibagħtu email fuq info@misturamalta.com bl-indirizz u tistgħu tħallsu b’ċekk jew bl-internet banking (intukom id-dettalji fit-tweġiba tagħna).

*Il-prezz propja tal-album huwa ta’ €15*

Aktar tagħrif dwar l-album

L-album debuttanti tagħna jinsab għall-bejgħ. Tista’ tibgħat email fuq info@misturamalta.com biex ngħaddulek kopja jew inkella minngħand D’Amato l-Belt Valletta.

Sadattant nixtiequ nirringrazzjaw lil Michael Bugeja tat-tnedija waqt il-programm tiegħu ROCKNA u tas-sapport kollu li jagħti lix-xena mużikali lokali speċjalment lil baned żgħar bħalna; lil Jean Claude Vancell tad-disinn inkredibbli tal-qoxra tal-album li kulħadd qiegħed ifaħħar ma’ min tkellimna; lill-familjari u ħbieb li jissapportjawna kontinwament u kultant jissaportuna wkoll; u lilkom li għoġobkom tagħżlu li ssegwuna u tidħlu f’din il-paġna.

Jekk għadkom ma tafux x’tip ta’ mużika ndoqqu nħeġġukom tisimgħu dan li ġej, li huwa kampjun ta’ żewġ minuti b’taħlita ta’ biċċiet mid-diski li hemm fl-album (kemm tagħfas biex jibda):

L-ewwel album tad-duo Mistura – “U d-Dinja Tkompli Ddur”

Il-duo mużikali lokali Mistura ser ikun qiegħed iniedi l-ewwel album tiegħu, bl-isem “U d-Dinja Tkompli Ddur”, fl-10 t’Ottubru fis-7pm fuq Radio 101 waqt il-programm Rockna ppreżentat minn Michael Bugeja. L-album, li huwa twil 64 minuta u li fih 16-il diska kollha bil-Malti, huwa rock concept album maqsum f’erba’ partijiet t’erba’ kanzunetti f’kull parti. Ippakkjat b’kummentarju soċjali jaqta’ speċjalment fejn jidħol l-element lokali, dan l-album jirrifletti dwar il-kunċett tar-repetizzjoni u ċ-ċikli tal-ħajja.

“Dan l-album huwa sentejn ta’ kitba, irrekordjar u skambji ta’ ideat, riffs, versi u żmien li fih bagħatna biċċiet ta’ mużika lil xulxin u lura sakemm saru kanzunetti kompluti” qal Antonio Olivari, li flimkien ma’ Malcolm Bonnici jifforma d-duo Mistura.

“Meta bdejna bl-ewwel diska – ‘Isma’ Bilfors’ – ma kellna l-ebda idea li ser naslu biex noħolqu biżżejjed materjal għal album. Madankollu, id-dinamika li bnejna fix-xhur ta’ wara, bil-mod ta’ kif it-tnejn li aħna bdejna noħorġu bl-ideat għall-kanzunetti u l-mod kif fl-aħħar mill-aħħar għaqqadna l-aħjar minnhom fi storja waħda, għamel l-album realtà.”

Il-qoxra ta' "U d-Dinja Tkompli Ddur".

Il-qoxra ta’ “U d-Dinja Tkompli Ddur”.

Mistura huwa duo b’kanzunetti bil-Malti b’mużika li għandha elementi ta’ blues u rock, kemm b’ħoss elettriku u anki akustiku. Mistura ddebutta fl-2012 fil-festival tal-Għanja tal-Poplu fejn ħadu l-premju WAFA għall-aqwa talent ġdid. Minn dak iż-żmien ’l hawn huma daqqew f’diversi postijiet, fosthom l-Għanafest, Notte Bianca u Poeżija Plus, u ħarġu numru ta’ kanzunetti li lkoll ser jinsabu f’dan l-album il-ġdid.

Apparti s-CD innifsu, “U d-Dinja Tkompli Ddur” ser ikun fih ktejjeb bil-lirika kollha tal-kanzunetti għax skont Malcolm “aħna nemmnu li l-kliem għandhom bżonn jiġu enfasizzati bħala parti importanti mill-pakkett. Apparti dan il-qoxra ġiet iddisinjata b’mod brillanti mill-ħabib tagħna l-artist Jean-Claude Vancell, li rnexxielu jifhem l-intensità tal-mużika u joħloq viżwali li jtejbu l-esperjenza sħiħa tal-album”.

Min jixtieq jordna l-album jista’ jibgħat email fl-indirizz info@misturamalta.com.

X’jgħidu ġurnalisti u nies magħrufa dwar Mistura?

Bħala Mistura dejjem nixtiequ li inti tisma’ l-mużika tagħna. Iżda sabiex inħeġġuk tagħmel dan, aħna ma noqgħodux nivvintaw ħafna kliem sabiħ (kif jagħmlu tar-riklami) forsi fl-aħħar titħajjar. Kultant nagħmluha ok. Imma nippreferu bil-wisq intukom, minflok, xi kliem li jkunu kitbu jew qalu dwarna ġurnalisti, kantanti, mużiċisti u nies magħrufa oħra. B’hekk tkunu tistgħu taraw aħjar – b’mod ftit aktar oġġettiv – opinjonijiet varji f’dan is-sens.

Għaldaqstant ħloqna paġna – li ssibuha billi tikklikkjaw hawn – b’dawn il-kwotazzjonijiet. Hemm lista twila iżda dawn huma l-aktar tnejn riċenti li bihom nittamaw li tibdew issegwuna u forsi tiġu tarawna ndoqqu x’imkien lajv:

“Mistura jwassal mużika oriġinali bis-sens, fihom x’tomgħod mhux biss għall-versi bil-Malti minquxa b’tant ħsieb, iżda wkoll għall-artistrija mużikali minn żewġ mużiċisti bravi b’esperjenza.”
Noel D’Anastas, ġurnalist fuq Il-Mument

“Weħilt ma’ Mistura mal-ewwel ftit noti ta’ Introspezzjoni Stellari. Fakkruni fil-mużika tal-Pink Floyd tas-70-ijiet. Il-kliem jakkumpanja perfettament il-ħoss sofistikat tal-kanzunetti. Kelli bżonn din il-Mistura…”
John A. Bonello, awtur u rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb

Dak kollox għalissa… informazzjoni dwar l-ewwel album tagħna – u t-tnedija tiegħu – dalwaqt. Komplu segwuna!

MISTURA xxandar it-tnedija ta’ din il-websajt

In-nies ma jiġux waħedhom f’din il-websajt u għaldaqstant infurmajna lill-media u lill-ġurnalisti tal-kultura u tal-irkejjen mużikali tax-xandir li ġiet imnedija. Uħud minnhom huma ħbieb tagħna li dejjem għenuna kif setgħu u ta’ dan nirringrazzjawhom minn qalbna.

Dawn huma l-artikli li ħarġu s’issa – inkomplu nżidu ma’ din il-lista jekk insiru nafu b’iktar:

– MikeBugeja.com – MISTURA: OFFICIAL WEBSITE LAUNCHED
– iNewsMalta – Id-duo Mistura jniedu websajt ġdida
– Sunday Times of Malta – Mistura launch new website – click to view printed and online versions of the article.
– Il-Mument – Id-duo Mistura jniedu websajt ġdida

Apparti dan, nirringrazzjaw lilkom ukoll talli ġejtu żżuru l-websajt wara li probabilment iltqajtu ma’ waħda minn dawn il-links. Issa tistgħu tidħlu fil-paġni tal-menu sabiex issiru tafu aktar dwarna u tisimgħu id-diski li ħriġna s’issa.

Merħba fil-paġna tad-duo MISTURA

Grazzi talli qiegħed iżżur il-paġna ġdida fjamanta tagħna…. u merħba!

Aħna d-duo mużikali Mistura – Malcolm u Antonio – b’diski esklussivament oriġinali bil-Malti. Qabel taqra iktar ċuċati milli niktbu f’din il-paġna nissuġġerulek tisma’ ftit id-diski li ħriġna s’issa, li lkoll jinsabu f’dan il-link fuq YouTube (hemm 10 diski) flimkien ma’ xi verżjonijiet tagħhom ‘live’: http://www.youtube.com/playlist?list=PLOWxESmqvxMe1g_roAPyi5GzcA3Btq_We

Apparti hekk biex tara ftit kemm aħna orrajt hawn din l-intervista (video) flimkien ma’ żewġ diski li daqqejna live unplugged għall-okkażjoni: http://strumminartists.com/2014/03/24/doza-ta-mistura/

Fl-aħħar nett, kompli segwi x’niktbu ta’ kuljum fuq Facebook billi tillajkja ‘l paġna tagħna hawn.