Wara Teatru Unplugged… Garaxx Plugged

Mistura waqt it-Teatru Unplugged 2015.

Mistura waqt it-Teatru Unplugged 2015.

Il-grupp leġġendarju-li-ħadd-ma-jaf-bih Mistura ħabbar fi stqarrija għall-istampa uffiċjali li wara s-suċċess fit-Teatru Unplugged 2015 ser ikun qiegħed jagħmel serje ta’ kunċerti oħra. Dawn ser ikollhom l-isem Garaxx Plugged. Ser ikunu qed jippruvaw skoss kanzunetti ġodda għall-ewwel darba, jitbellħu, jidgħu għall-ebda raġuni partikolari, jistunaw xi nota ‘l hemm u ‘l hawn, u jieqfu f’nofs id-diski biex jaraw tort ta’ min kien li hemm xi ħaġa li qed tinstema’ dubjuża. Ir-riffs ta’ “My Sharona” u “Ziggy Stardust”, flimkien ma’ balla feedback tal-kitarra mkaħħla mal-amplifier u delay li jdum tliet minuti, drumming li ma tisma’ xejn iktar bih u maratona ta’ għaxar noti fis-sekonda tal-bass meta suppost qed niftiehmu x’sa ndoqqu, ma jonqsux. L-isbaħ biċċa hi li m’hu ser ikun qiegħed jarahom ħadd ħlief li xi proxxmu li forsi jitfaċċa ma’ xi membru tal-grupp mingħajr ma jkun ġie mistieden (u li jilqgħuh bi ħġarhom ġaladarba jirnexxielu jitrassas ftit) jew xi ħadd li jagħmel xi nofs siegħa jsabbat mal-bieb biex inċaqalqulu l-karozza li tkun qed tagħlaq il-passaġġ tal-komun. Huwa mistenni li ser tkun suċċess. Żgur.

Apparti ċ-ċajt – dalwaqt ser inħabbru żewġ kunċerti għal din is-sena – wieħed għal Marzu u ieħor għal Ġunju li ġej. Komplu segwuna.

Advertisements

Ħames affarijiet li titgħallem minn rehearsal ta’ Mistura

teatru unpluggedHawn aħna – ilna ftit ma niktbu f’din il-websajt. Pero’ dan ma jfissirx li m’għandna xejn għaddej… anzi! Għandna kanzunetti ġodda għal album li qed naħdmu fuqu ftit ftit; għandna skoss rehearsals u għandna wkoll preparamenti varji għaddejjin. Li jmiss issa huwa l-famuż Teatru Unplugged, li ser jaħbat fl-4, 5 u 6 ta’ Diċembru 2015 fit-teatru grandjuż Manoel il-belt Valletta. Jekk interessati tiġu tarawna kemm tidħlu hawn.

Bħalissa għadna kif spiċċajna u dabbarna lura d-dar minn rehearsal għal dan il-kunċert, u peress li nzertajt qgħadt nifraħ ftit bil-kamera l-ġdida li għandi u ndejjaq il-ġarretta ta’ kulħadd biha, spiċċajt b’qisu storja ta’ x’ġara illum il-garaxx. U hawn huma ħames affarijiet li tispiċċa titgħallem f’rehearsal random meta tagħmilha magħna:

IMG_06161) Tista’ tkun grupp kollu rġiel kemm trid, għax meta jkollok mara ddoqq tispiċċa tmexxi hi u tgħidlek x’diska jmiss u jekk hemmx xi ħaġa qed tinstema’ stramba jew ħażin. Bħalissa tarġa u tgħid għandna żewġ preżenzi feminili jiġifieri tistgħu timmaġinaw l-effiċjenza u l-ubbidjenza.

IMG_06102) Id-drummer tagħna għandu saqqu warajh – għal raġunijiet ta’ soundproofing u ta’ kumdita’ (ovvjament). Allura jekk toħodlu ritratt u ddawru skoprejt li jiġi qisu mindud (badum tiss).

3) Tgħallimna x’inhuma ballscaping u nutscaping (fittxuhom jekk ma tafux x’inhuma – mhux sa nagħmlu ritratt hawn għax jispiċċa artiklu x-rated).

IMG_06174) Illum hija l-ġurnata li minnha ma nistgħux nibqgħu ngħidu lill-għażiż bassist tagħna “ijja dejjem tard!!!!!” għax illum sibnieh fil-post l-ewwel wieħed ħerqan biex jurina li jaf id-diski. U ta’ din ħaqqu ritratt, li qed ninkluduh bil-facial expression li ser jagħmel eżatt kif jaqra dawn iż-żewġ sentenzi.

5) U fl-aħħar u mhux l-inqas, illum tgħallimna li f’dan il-grupp kulħadd orrajt kemm tridu, imma ma trid xejn biex waqt li taparsi qed nieħdu selfie serji serji xorta jippruvaw taparsi qed jigdmulek moħħok (sorry imma kbir wisq) jew idaħħlulek wajer ġo widintek. Hawn huma l-provi.

IMG_0626 IMG_0621

Dak kollox għalissa… nisperaw li narawkom ma ndumux! Dejjem tagħkom (il-kelma ġġib hekk insomma), Antonio

P.S. (għax insejniha): Waqt rehearsal ta’ Mistura titgħallem id-diski li sa ndoqqu wkoll. Nispera.

Mistura jdoqqu fil-BeerFest, Evenings on Campus

Wara numru ta’ dehriet riċentement, il-grupp lokali Mistura ser ikun qiegħed, fil-ġimgħat li ġejjin, jagħti żewġ kunċerti lajv differenti ħafna minn xulxin t-tnejn interessanti.

Tal-ewwel hija l-ftuħ ta’ The Farsons Great Beer Festival il-Ġimgħa 24 ta’ Lulju. Mistura jibdew fid-9pm fuq ir-Rock Stage u ser idoqqu qabel il-grupp popolari ferm Xtruppaw.

“Bħalissa eċitati ferm li ser naqsmu l-palk mal-iXtruppaw, li huwa wieħed mill-gruppi favoriti tagħna lokalment, u li huwa l-grupp li ma kienx jiddejjaq ikanta bil-Malti meta prattikament ħadd ma kien jazzarda jagħmel dan. Il-festival issa sar fiss fil-kalendarju mużikali tal-pajjiż u aħna kburin li din is-sena ser inkunu parti minnu.”

Fis-7 u 9 t’Awwissu fid-9pm, imbagħad, Mistura ser ikunu qed jippreżentaw għall-ewwel darba kunċert lajv komplut ibbażat fuq il-concept album tagħhom “U d-Dinja Tkompli Ddur” bħala parti mill-Evenings on Campus fl-Universitá ta’ Malta. Dan l-album, li jesplora aspetti varji tal-ħajja bħala ċiklu li jirrepeti ruħu, jipprovdi kummentarju soċjali – kultant jaqta’ u kultant satiriku – partikolarment relatat mal-politika lokali, il-korrettezza politika u aspetti oħra tal-ħajja Maltija.

“Barra minn kanzunetti oriġinali parti mill-album, ser inkunu qed ninkludu wkoll kanzunetti Maltin magħrufa iżda maħduma b’mod li jaqbel bħala parti min-narrazzjoni. Dan għandu jgħin sabiex ikun hemm element ta’ familjaritá wkoll.”

Dawn iż-żewġ kunċerti huma opportunitá tajba sabiex wieħed isegwi grupp rock kontemporanju li jkanta kompletament bil-Malti. Aktar informazzjoni dwar Mistura tinsab http://www.misturamalta.com. Biljetti għall-Evenings on Campus jinsabu http://www.ticketline.com.mt.

IMG_3634

Mistura playing at BeerFest, Evenings on Campus

Following a series of recent shorter gigs, local band Mistura will, in coming weeks, be playing at two very different but equally engaging venues.

The first is the opening slot at the Farsons Great Beer festival on Friday 24th July. Starting at around 9pm on the Rock Stage, the band will followed by the very popular Xtruppaw.

“We are very excited to share the stage with Xtruppaw, which is one of our favourite local bands – the one which was not afraid to sing in Maltese when virtually no-one else was doing so. The festival is now a staple event in the local music calendar and we are proud to be part of this year’s line-up.”

On 7th and 9th August at 9pm, Mistura will then be presenting for the first time a full live rock concert based on their concept album “U d-Dinja Tkompli Ddur” as part of the University of Malta Evenings on Campus. The album, which explores various facets of life as a continuous cycle that repeats itself, also provides – sometimes scathing, sometimes satiric – social commentary particularly in relation to local politics, political correctness and other aspects of the Maltese way of life.

“Apart from original songs from the album, we will also be including reworked versions of some well-known Maltese songs as part of the narrative. This will ensure an element of familiarity as well.”

These events are a great opportunity to witness a contemporary local rock band which sings entirely in Maltese. More information about Mistura can be obtained from http://www.misturamalta.com. Tickets for the Evenings on Campus are available from http://www.ticketline.com.mt.

Mistura fil-Music Alliance Pact għal Mejju 2015

Bi pjaċir inħabbru li Mistura ntagħżlet minn Stagedive Malta sabiex tkun parti mill-Music Alliance Pact għax-xhar ta’ Mejju 2015. Biex taraw il-link, l-informazzjoni u anki tisimgħu il-kanzunetta li tajnihom il-permess jużaw (‘Issa Tard Wisq’) inħeġġukom tikklikkjaw hawn. Ovvjament apparti aħna f’isem Malta hemm kanzunetti ta’ baned u kantanti minn 18-il pajjiż ieħor. Grazzi Stagedive Malta!

Mistura lajv fil-ġimgħat li ġejjin

Mistura ser tkun qed iddoqq f’mhux inqas minn erba’ postijiet fil-ġimgħat li ġejjin. Dawn huma:

L-ewwel edizzjoni ta’ Kotra fit-28 ta’ Marzu bħala full-band elettrika ma’ Matthew fuq bass u Mark fuq drums.

Rock the South li huwa mifrux fuq erbat ijiem. Aħna ser indoqqu il-Ġimgħa 10 t’April (bħala full-band elettrika wkoll).

– Tliet postijiet oħra li fihom sa ndoqqu bħala duo akustiku… waħda fil-31 ta’ Marzu organizzata mill-NGO Greenhouse, waħda bl-isem Festa Te’ fl-Għid (fil-5 ta’ April) u t-tielet waħda Bongo Nyah (Marsaskala) fil-5 ta’ Mejju.

Għaldaqstant… jekk ma tifilħux, tgergru xejn, għax hawn biżżejjed Mistura għal kulħadd!

Mistura – serħan mill-ewżiħ

Kulħadd jaf kemm hija finanzjarjament diffiċli li tkampa meta fiċ-ċokon tal-gżira tagħna toħroġ album mużikali għall-bejgħ b’mużika kompletament oriġinali u bil-Malti. Għaldaqstant l-għajnuna tagħkom – in-nies li nisperaw li għoġbitkom il-mużika tagħna – hija essenzjali sabiex naqtgħu ftit mill-ispejjeż regolari li jkollna. Dan ifisser ukoll li bħala Mistura m’għandna l-ebda għażla oħra ħlief li ndejqu ċ-ċirimelli ta’ kulħadd nirreklamawh… meta ndoqqu lajv ovvjament ser inkunu qed inġorruh magħna imma sadanittant qiegħed għall-bejgħ onlajn.

U hawn hu s-sejl fenomenali għall-Milied jekk għadek ma xtrajtx l-album.

Offerta speċjali limitata għax-xhar ta’ Diċembru 2014 (hekk hu – sirna qisna tal-Crosscraft). Qed inbiegħu l-album “U d-Dinja Tkompli Ddur” għall-prezz speċjali ta’ €11 inkluż il-posta lokali (u għal €12 jintbagħat fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea). Kemm tibagħtu email fuq info@misturamalta.com bl-indirizz u tistgħu tħallsu b’ċekk jew bl-internet banking (intukom id-dettalji fit-tweġiba tagħna).

*Il-prezz propja tal-album huwa ta’ €15*

Aktar tagħrif dwar l-album

L-album debuttanti tagħna jinsab għall-bejgħ. Tista’ tibgħat email fuq info@misturamalta.com biex ngħaddulek kopja jew inkella minngħand D’Amato l-Belt Valletta.

Sadattant nixtiequ nirringrazzjaw lil Michael Bugeja tat-tnedija waqt il-programm tiegħu ROCKNA u tas-sapport kollu li jagħti lix-xena mużikali lokali speċjalment lil baned żgħar bħalna; lil Jean Claude Vancell tad-disinn inkredibbli tal-qoxra tal-album li kulħadd qiegħed ifaħħar ma’ min tkellimna; lill-familjari u ħbieb li jissapportjawna kontinwament u kultant jissaportuna wkoll; u lilkom li għoġobkom tagħżlu li ssegwuna u tidħlu f’din il-paġna.

Jekk għadkom ma tafux x’tip ta’ mużika ndoqqu nħeġġukom tisimgħu dan li ġej, li huwa kampjun ta’ żewġ minuti b’taħlita ta’ biċċiet mid-diski li hemm fl-album (kemm tagħfas biex jibda):

L-ewwel album tad-duo Mistura – “U d-Dinja Tkompli Ddur”

Il-duo mużikali lokali Mistura ser ikun qiegħed iniedi l-ewwel album tiegħu, bl-isem “U d-Dinja Tkompli Ddur”, fl-10 t’Ottubru fis-7pm fuq Radio 101 waqt il-programm Rockna ppreżentat minn Michael Bugeja. L-album, li huwa twil 64 minuta u li fih 16-il diska kollha bil-Malti, huwa rock concept album maqsum f’erba’ partijiet t’erba’ kanzunetti f’kull parti. Ippakkjat b’kummentarju soċjali jaqta’ speċjalment fejn jidħol l-element lokali, dan l-album jirrifletti dwar il-kunċett tar-repetizzjoni u ċ-ċikli tal-ħajja.

“Dan l-album huwa sentejn ta’ kitba, irrekordjar u skambji ta’ ideat, riffs, versi u żmien li fih bagħatna biċċiet ta’ mużika lil xulxin u lura sakemm saru kanzunetti kompluti” qal Antonio Olivari, li flimkien ma’ Malcolm Bonnici jifforma d-duo Mistura.

“Meta bdejna bl-ewwel diska – ‘Isma’ Bilfors’ – ma kellna l-ebda idea li ser naslu biex noħolqu biżżejjed materjal għal album. Madankollu, id-dinamika li bnejna fix-xhur ta’ wara, bil-mod ta’ kif it-tnejn li aħna bdejna noħorġu bl-ideat għall-kanzunetti u l-mod kif fl-aħħar mill-aħħar għaqqadna l-aħjar minnhom fi storja waħda, għamel l-album realtà.”

Il-qoxra ta' "U d-Dinja Tkompli Ddur".

Il-qoxra ta’ “U d-Dinja Tkompli Ddur”.

Mistura huwa duo b’kanzunetti bil-Malti b’mużika li għandha elementi ta’ blues u rock, kemm b’ħoss elettriku u anki akustiku. Mistura ddebutta fl-2012 fil-festival tal-Għanja tal-Poplu fejn ħadu l-premju WAFA għall-aqwa talent ġdid. Minn dak iż-żmien ’l hawn huma daqqew f’diversi postijiet, fosthom l-Għanafest, Notte Bianca u Poeżija Plus, u ħarġu numru ta’ kanzunetti li lkoll ser jinsabu f’dan l-album il-ġdid.

Apparti s-CD innifsu, “U d-Dinja Tkompli Ddur” ser ikun fih ktejjeb bil-lirika kollha tal-kanzunetti għax skont Malcolm “aħna nemmnu li l-kliem għandhom bżonn jiġu enfasizzati bħala parti importanti mill-pakkett. Apparti dan il-qoxra ġiet iddisinjata b’mod brillanti mill-ħabib tagħna l-artist Jean-Claude Vancell, li rnexxielu jifhem l-intensità tal-mużika u joħloq viżwali li jtejbu l-esperjenza sħiħa tal-album”.

Min jixtieq jordna l-album jista’ jibgħat email fl-indirizz info@misturamalta.com.

X’jgħidu ġurnalisti u nies magħrufa dwar Mistura?

Bħala Mistura dejjem nixtiequ li inti tisma’ l-mużika tagħna. Iżda sabiex inħeġġuk tagħmel dan, aħna ma noqgħodux nivvintaw ħafna kliem sabiħ (kif jagħmlu tar-riklami) forsi fl-aħħar titħajjar. Kultant nagħmluha ok. Imma nippreferu bil-wisq intukom, minflok, xi kliem li jkunu kitbu jew qalu dwarna ġurnalisti, kantanti, mużiċisti u nies magħrufa oħra. B’hekk tkunu tistgħu taraw aħjar – b’mod ftit aktar oġġettiv – opinjonijiet varji f’dan is-sens.

Għaldaqstant ħloqna paġna – li ssibuha billi tikklikkjaw hawn – b’dawn il-kwotazzjonijiet. Hemm lista twila iżda dawn huma l-aktar tnejn riċenti li bihom nittamaw li tibdew issegwuna u forsi tiġu tarawna ndoqqu x’imkien lajv:

“Mistura jwassal mużika oriġinali bis-sens, fihom x’tomgħod mhux biss għall-versi bil-Malti minquxa b’tant ħsieb, iżda wkoll għall-artistrija mużikali minn żewġ mużiċisti bravi b’esperjenza.”
Noel D’Anastas, ġurnalist fuq Il-Mument

“Weħilt ma’ Mistura mal-ewwel ftit noti ta’ Introspezzjoni Stellari. Fakkruni fil-mużika tal-Pink Floyd tas-70-ijiet. Il-kliem jakkumpanja perfettament il-ħoss sofistikat tal-kanzunetti. Kelli bżonn din il-Mistura…”
John A. Bonello, awtur u rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb

Dak kollox għalissa… informazzjoni dwar l-ewwel album tagħna – u t-tnedija tiegħu – dalwaqt. Komplu segwuna!